Letter - MT

Għażiż ċittadin,

Għadda ħafna żmien mill-aħħar darba li tkellimna. Naħseb li wasal iż-żmien biex nerġgħu nersqu lejn xulxin.

Naf li dawn l-aħħar snin kienu diffiċli. Sar ħafna tibdil minn meta l-familja ngħaqdet mill-ġdid — u kibret. Kważi qridna d-dar kollha tagħna — għal darbtejn fil-fatt — iżda mbagħad erġjana bnejnieha mil-ġdid flimkien bl-għaraq ta’ ġbina. Waqqajna ħajt li kien jirrappreżenta l-biża’. Għamilnieha faċli biex wieħed imur minn post għall-ieħor, biex imur għax-xogħol jew biex jistudja — jew jieħu vaganza.

L-affarijiet inbidlu ħafna mill-ewwel ġranet tagħna flimkien. Issa aħna familja proprja. Ksibna affarijiet kbar. Ix-xogħol li nagħmlu, il-kwalità tal-ħajja tagħna, il-mod kif nieħdu ħsieb xulxin – dan kollu għandu jagħmilna tassew kburin. Illum aħna aktar b’saħħitna minn qatt qabel. Ir-rikkezza kulturali hija l-għira tad-dinja (Rajthom il-linji ta’ viżitaturi?)
Iżda ma nistgħux niffukaw fuq il-passat, jew neħlu fil-preżent.

Din hija r-raġuni għaliex qiegħed niktiblek din l-ittra. Jekk irridu nsibu mod kif noħorġu minn din il-fażi ta’ inċertezza, irridu nsibu mod kif infasslu l-futur flimkien.

Jista’ jkun li xi kultant kont nidher qisni jien biss qed nitkellem. Ċertament, jiena kont qed nagħmel mill-aħjar biex nipprovdi, għalik u għalija. Biex darna tkun post sikur u komdu. Iżda sadanittant, jista’ jkun li kont medhi wisq fil-proġetti tiegħi — li nkabbar id-dar, ininkwieta dwar il-kontijiet, il-wasliet il-ġodda kollha.

Tiftakar kif darba spjegajtli kif suppost kellha timxi din ir-relazzjoni? Mela, ħa nkun onest miegħek. Dan li ġej huwa l-mod kif se nipprova nikkonvinċik.

L-ewwel nett, ejja nerġgħu niċċaraw ir-regoli tagħna, li qbilna li mhumiex negozjabbli, kemm għalina kif ukoll għal kwalunkwe parteċipant ġdid. Hawnhekk, trid tiġi rrispettata d-dinjità ta’ kull persuna — u daqshekk. Naqblu li nagħtu lil xulxin il-libertà li nħaddnu twemmin differenti minn ta’ xulxin u li ngħidu li għandna twemmin partikolari u mhux ieħor, sakemm dan ma jagħmilx ħsara lill-komunità. Iż-żamma ta’ dawn ir-regoli mhux dejjem kienet faċli, iżda t-tnejn li aħna nafu kemm dawn il-valuri kienu importanti. Anke l-kwistjoni tal-fiduċja. Importanti ħafna. Aħna lkoll qegħdin niġbdu ħabel wieħed. Dan kollu jifforma parti mill-ftehim (Ħaġ’oħra li fil-fatt tqajjem l-għira tan-nies madwar id-dinja). Dawk li ma jirrispettawhx m’għadniex nilqgħuhom f’darna.
Nifhem li tista’ tħoss li mhux dejjem kont fiċ-ċentru tal-attenzjoni tiegħi. Iżda, nassigurak li kont! Ħdimt ħafna biex inżomm il-ħwienet miftuħa — u l-ixkaffi mimlijin. Biex inżomm il-viċinanzi sikuri. Anke biex inżomm il-familja magħquda.

Issa nixtieq nitkellem dwar xi ħaġa li naf li inti, u anke aħna, inkwetati ħafna dwarha — is-sikurezza. Dan b’mod speċjali wara l-affarijiet terribbli li rajna f’ħafna postijiet. Qed naħdmu biex insaħħu l-fruntieri, u fuq sistema ta’ teknoloġija għolja għal kontra t-terroriżmu li tgħinna niksbu l-informazzjoni kollha li neħtieġu. Saħansitra, qed naħdmu biex inġibu l-forzi armati tagħna flimkien.
Iżda s-sigurtà tirrigwarda wkoll l-opportunità li navvanzaw qabel ħaddieħor. Daħħalna fis-seħħ diversi ideat tajba dwar kif jinħolqu l-impjiegi, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ, u kif kulħadd ikollu aċċess għat-taħriġ li jeħtieġ. Dan japplika għall-workshops u l-laboratorju, il-ħanut u s-sit tal-kostruzzjoni. Qed naħdmu biex inkunu ċerti li ħadd ma jibqa’ barra.

Bħalissa d-dinja qed tinbidel b’rata mgħaġġla ħafna. Ħafna postijiet li kienu jixtru affarijiet li konna nimmanifatturaw aħna, issaqed jimmanifatturaw l-affarijiet tagħhom stess. Jeħtieġ li nsibu modi ġodda kif nibqgħu attenti.— biex naċċertaw ruħna li lkoll nistgħu nibbenefikaw. Flimkien nistgħu nkunu tant b’saħħitna. Tant kreattivi. Id-dinja mhix xi ħaġa li għandha tbeżżagħna. Flimkien jeħtieġ li niffurmaw strateġija globali ġdida sabiex inkunu nistgħu nkomplu nkunu minn ta’ quddiem nett.

Inkunu kreattivi, naħdmu flimkien — anke, forsi, bl-użu ta’ robots — dawn huma l-ħiliet li se jeħtieġu l-persuni. (Wieħed irid jitgħallem ukoll valuri —“regoli tad-dar”!). Jeħtieġ li niskopru kif nistaqsu mistoqsijiet tajbin, kif naħsbu b’mod oriġinali u kreattiv. (Mhux biss lezzjonijiet għat-tfal tagħna!).

Ippruvajt mill-aħjar li stajt biex f’din l-ittra naqsam miegħek bl-aħjar mod kif inhuma l-affarijiet min-naħa tiegħi. Dawn huma biss ftit mill-affarijiet li rrid nimpenja ruħi mill-ġdid li nwettaq: inwieġeb għas-sejħiet tiegħek; u li ma nwigħedx aktar milli nista’ nwettaq (żomm f’moħħok: meta xi ħaġa tinstema’ esaġerata wisq biex titwettaq, dan ikun minnu).

Nispera li din tgħin biex tissaħħaħ aktar il-fiduċja bejnietna. Nixtieq nisma’ mingħandek.


Be the first to comment

Please check your e-mail for a link to activate your account.

We use cookies on this site to enhance your user experience. By clicking any link on this page you are giving your consent for us to set cookies. To find out more read our Privacy Policy.